Il-5 Ħadd tar-Randan A
Biex nifhmu l-messaġġ profond ta’ din is-silta, irridu nżommu quddiem għajnejna li l-Vanġelu ta’ San Ġwann, li hu differenti mit-tlieta l-oħra, huwa miżgħud bis-simboliżmu. Għalkemm din hi ġrajja reali bi ħbieb Ġesù ta’ Betanja bħala protagonisti, b’danakollu fil-qawmien ta’ Lazzru naraw xebh kbir mal-qawmien tal-Imgħallem, hekk li din il-ġrajja donnha ddewwaqna minn qabel dak li ġara l-Ħadd filgħodu kmieni fit-tielet jum. Tant hu minnu dan, li l-ġrajja seħħet ftit qabel l-arrest, il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Hemm paralleliżmu bejn iż-żewġ rakkonti iżda f’bosta punti dan huwa antitetiku. Il-qabar ta’ Lazzru kien bħal dak li fih difnu ’l Ġesù, bil-blata mgerbba fid-daħla. Ġesù, min-naħa l-oħra, qam mill-mewt fit-tielet jum, meta skont kif kienu jaħsbu l-Lhud, il-ġisem ma jkunx beda jitħassar, filwaqt li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem midfun, u kien diġà “beda jrejjaħ”. Lil Ġesù ħadd ma rah iqum mill-mewt. L-Appostli ltaqgħu miegħu aktar minn darba wara li qam, filwaqt li Lazzru, għall-kelma setgħana ta’ Ġesù, ħareġ mill-qabar quddiem kulħadd. Lazzru ħareġ “b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu”, filwaqt li meta Pietru u Ġwanni ttawlu fil-qabar vojt fejn qabel kien hemm ġisem Ġesù, raw “il-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu... kien mitwi u mqiegħed għalih” (Ġw 20:6-7). Dan ifisser li Lazzru wara li qam mill-mewt reġa’ miet, iżda Ġesù qam biex ma jmutx aktar għax hu “l-qawmien u l-ħajja” u kull min jemmen fih “anki jekk imut, jgħix.” Din il-verità seħħet fina meta tgħammidna fi Kristu.