Il-5 Ħadd tar-Randan - Sena A
ĠESÙ HUWA T-TRIQ IL-VERITÀ U L-ĦAJJA
Illum fil-Vanġelu minn San Ġwann niltaqgħu ma’ Ġesù li fiżikament jagħti l-ħajja lil ħabibu Lazzru. Ġesù mhux biss jagħti l-ħajja, imma huwa wkoll Sid il-ħajja. U l-ħajja li jagħti Ġesù hija ħajja li ma tintemmx! Hi ħajja dejjiema, li tibda minn din id-dinja. Il-meditazzjoni tagħna f’dan il-Ħadd tar-Randan għandha tkun dwar il-ħajja, kemm napprezzaw il-ħajja, kemm nistagħġbu bil-ħajja ta’ madwarna, il-ħajja li Alla għoġbu jagħti lilna u lill-bnedmin kollha, ħajja li tibda mill-ewwel waqt tat-tnissil sal-aħħar nifs li l-bniedem jieħu fuq din l-art. Il-ħajja mhijiex xi oġġett li aħna nippossjedu, imma l-ħajja hija ta’ Alla. Il-ħajja hija mislufa lilna, u dan għax Alla jħobbna! Ħadd qatt ma qal lil Alla: oħloqni! Huwa Alla li fl-imħabba kbira tiegħu jiddeċiedi li joħloq il-bniedem. Għalhekk aħna, għandna d-dmir li nirringrazzjaw lil Alla tal-ħajja li tana.
U nħarsu lejn Ġesù li minnu tiġina l-ħajja li tibqa’. Alla ħalaqna biex ngħixu, inħobbuħ, nadurawh, u wara li mmutu mmorru ngawduh għal dejjem. Il-ħajja ma tintemmx meta mmutu, imma tkompli, tkompli fit-tgawdija eterna ta’ Alla. Il-Ġenna hija għanja ta’ ħajja, hija għanja ta’ mħabba. Fil-Ġenna ngħixu biex infaħħru lil Alla ta’ dak kollu li għamel, tal-imħabba li jħobbna, talli ħalaqna! Il-ħajja tagħna tilħaq il-qofol tagħha meta aħna mmorru ngawdu lil Alla għal dejjem.
U għalhekk, issa li wasalna fuq l-għatba tal-Ġimgħa l-Kbira, li fiha nikkontemplaw il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù, ejjew ngħixu dawn il-waqtiet marbutin ma’ Ġesù li tant iħobbna li miet għalina, ta ħajtu biex aħna ngħixu. Grazzi Ġesù, Grazzi Mulej talli tħobbna.