Il-5 Ħadd tar-Randan A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-5 Ħadd tar-Randan - Sena A

NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U JKOLLNA L-ĦAJJA!

Il-Kelma ta’ Alla tagħti l-ħajja u tqajjem mill-mewt. Din hija realtà importanti ħafna fil-ħajja tan-Nisrani, għaliex minkejja li kulħadd irid u jixtieq jgħix, mhux kulħadd huwa lest jirrifletti fuqha. Il-mewt tbeżża’ ħafna u għalhekk naħarbu kemm jista’ jkun min dan it-tip ta’ riflessjoni. Il-mewt, hija realtà wiesgħa ħafna, u mhux biss il-mewt fiżika, tal-ġisem, iżda hija ħafna aktar minn hekk, għall-anqas fil-kuntest tal-liturġija tal-lum. Skont il-profeta, persuna mejta hija dik li tgħix mingħajr l-ispirtu u l-għarfien ta’ Alla l-imbierek. Il-Kelma ta’ Alla għalhekk tagħti l-ħajja u tqajjem mill-mewt, għaliex hemm fiha l-Ispirtu u l-għarfien tiegħu. Il-persuna li taqra, tifhem u tagħmel il-Kelma hija dik il-persuna li tkun dejjem lesta li tirċievi l-Ispirtu u tibni l-għarfien tiegħu. Il-mewt, għalhekk, nistgħu ngħidu li hija dak kollu li tisloħ mill-bniedem il-paċi u l-imħabba, li permezz tagħhom jista’ jgħix fil-hena u s-sliem ta’ Alla.

Jekk wieħed jinnota ftit, il-kelma tal-lum hija mimlija b’ħafna sentimenti u emozzjonijiet ta’ mħabba u umanità kbira, għaliex fejn hemm il-ħajja hemm l-imħabba u fejn hemm l-imħabba hemm Alla. Lazzru, il-ħabib ta’ Ġesù jmut. Fil-ħin it-tajjeb Ġesù jitlaq għal ħdejh biex juri l-kobor tal-qawwa tal-imħabba tiegħu, u kważi kważi jisfida lil-Lhud li jridu joqtluh. Ġesù jagħmel dan biex għall-imħabba tiegħu lejn Lazzru, jerġa’ jagħtih il-ħajja. L-Evanġelista, fi ftit vrus ifisser b’mod tajjeb ħafna l-umanità ta’ Ġesù, u min għandu widnejn biex jisma’, jifhem kemm tassew Ġesù għandu għal qalbu lil Lazzru. Jew aħjar, kemm Ġesù għandu għal qalbu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna tant ninsabu ’l ġewwa fil-Qalb ta’ Alla, li hu mhux biss iħobbna, imma jħoss ruħu imqanqal għalina, u jitħawwad u jibki kull meta jarana ngħixu ’l bogħod mill-ħajja u minnu. Inkunu ċerti, li hu lest jagħmel kollox biex lilna jerġa’ jarana ngħixu, imma aħna rridu nwieġbu. Hu minnu li Ġesù qajjem lil Lazzru, imma kulma għamel hu li sejjaħlu b’ismu. Ġesù sejjaħ u Lazzru wieġeb u reġa’ beda jgħix.

Ta’ kuljum Alla l-imbierek isejħilna permezz tal-Kelma tiegħu biex jeħlisna, imma aħna kemm inwieġbu? Meta sa niddeċidu li noħorġu minn dak il-qabar u nibdew ngħixu tabilħaqq b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla?


ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content