Il-5 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
META JIKTEB FUQ IL-QALB
“Għal Ġesù dik il-mara maqbuda fl-adulterju ma tirrappreżentax xi paragrafu mil-Liġi, imma sitwazzjoni konkreta li fiha jrid jidħol. Għalhekk jibqa’ hemm mal-mara, kważi dejjem fis-skiet ... Ma’ Ġesù - il-ħniena ta’ Alla inkarnata - wasal il-mument li jikteb fuq il-qalb tal-bniedem, li jrodd it-tama ċerta lill-miżerja umana: li jagħtina mhux daqstant liġijiet esterni, li spiss iżommu lil Alla u lill-bniedem imbiegħda minn xulxin, imma l-liġi tal-Ispirtu, li jidħol fil-qalb u jeħlisha. Hekk jiġrilha dik il-mara, li tiltaqa’ ma’ Ġesù u terġa’ tibda tgħix.“
PAPA FRANĠISKU, Omelija, 29 Marzu 2019
- Lil Alla nħallih jikteb fuq il-qalb tiegħi?
- X’nagħmel b’dak li huwa jikteb?
Fuq il-qalb tagħna, Mulej,
Inti mħabbtek tikteb.
Fuq il-qalb tagħna,
Inti mħabba li terfa’ ‘l fuq tikteb.
Fuq il-qalb tagħna
Inti mħabba mimlija maħfra tikteb.
Fuq il-qalb tagħna,
Inti mħabba li tfejjaq tikteb.
Fuq il-qalb tagħna,
Inti mħabba li tillibera tikteb.
Fuq il-qalb tagħna,
Inti mħabba li timla bit-tama tikteb.
Fuq il-qalb tagħna,
Inti mħabba li toħloq il-ġdid tikteb.
Grazzi, Mulej,
u kompli ikteb fuq il-qalb tagħna dak li ilek tikteb.