Il-5 Ħadd tar-Randan Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-5 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ

IL-ĠEBEL BAQA MAL-ART

Lil Ġesù nasbulu nasba liema bħalha, irridu nammettuha. Mara (bla isem, ix-xellejja ma jafuhiex, hi biss waħda minn dawk...) inqabdet fil-fatt f’adulterju. Ġesù, tfissrilna x’għandna nagħmlu? Nasba mill-aqwa, tabilħaqq.

Ġesù jitbaxxa u jirrifletti. Jagħmel dak li huma ma jridux jagħmlu: jitbaxxew, jiġifieri jmilu bl-umiltà u jirriflettu, jinqatgħu f’distanza qabel ma jagħtu ġudizzju. Issa n-Nazzarenu qabad jikteb. Kiteb fuq il-paviment tat-Tempju, fuq il-ġebel. Il-liġi miktuba fuq il-ġebel bil-kliem stess ta’ Alla, minquxa bin-nar u mogħtija lil Mosè sfat ittraduta, imwaqqgħa bil-għajb, użata biss għad-drawwiet u t-tradizzjonijiet tal-bnedmin, ċkejknin u msejknin. Iva, dil-mara ittradixxiet lil żewġha. Iżda l-poplu ta’ Israel ittradixxa l-ispirtu awtentiku tal-Liġi. Bin David imur għall-essenzjal, jerġa’ jikteb fuq il-ġebel il-liġi li l-bnedmin adottaw u ħawdu. Ilkoll siktu, issa. Ġesù, il-Kelma, jitkellem. «Għandkom raġun: żbaljat. Tagħmlu sew toqtluha, jeħtieġ li tibqgħu weqfin biex issalvaw il-Liġi. Ħadd minnkom ma jiżbalja, ilkoll intom aħjar minnha, ħadd minnkom ma nzerta għamel l-istess żball. Bravi! Issa l-ewwel wieħed li qatt ma żbalja jixħtilha l-ewwel ġebla.» Ilkoll tbikkmu, u Ġesù reġa’ qabad jikteb il-Liġi. U issa l-liġi tinkiteb fil-qlub. Iva, għandu raġun ir-Rabbì. Jekk il-ħin kollu nirraġunaw bil-ktieb tal-liġi f’idejna min sa jsalva? Jekk sa noqogħdu nixlu lil xulxin, min sa jgħix? Kulħadd jitlaq, wieħed wara l-ieħor. Il-ġebel baqa’ mal-art.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content