Il-5 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
“ANQAS JIEN MA NIKKUNDANNAK”
Jekk il-parabbola tal-Iben il-ħali li rajna l-ġimgħa l-oħra hija ikona tal-ħniena ta’ Alla, illum għandna paġna oħra mill-Vanġeli li daqstant ieħor saret ikona: bid-differenza li din id-darba din hija ġrajja li seħħet tassew, meħuda mill-ħajja ta’ Ġesù stess. Il-Malti jgħid li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti, imma mhux għal Ġesù: dak li kien jipprietka kien jgħixu b’mod sħiħ. L-istess ħniena li kien jgħallem kien ukoll jgħixha, akkost li jbati għaliha.
Il-ġrajja tal-mara li nqabdet fl-adulterju tiġbor fiha b’mod drammatiku l-aspetti kollha marbutin mal-ħniena: ma taħrabx mill-kruha tad-dnub u tal-ipokrisija, iżda tinterpretahom u tidfinhom fil-glorja u l-ħlewwa tal-maħfra. Fis-salmi Alla regolarment hu deskritt b’mod poetiku bħala sur tal-kenn jew belt fortizza, iżda llum Ġesù – kważi litteralment – isir tarka madwar il-midinba.
Ikollna nammettu li tassew kienet żbaljat din il-mara, u żbaljat bl-ikrah. Nidħku bina nfusna jekk nilagħbuha li dnubha ma kienx serju. Fl-Iskrittura Alla regolarment ixebbah l-infedeltà tal-poplu Lhudi lejn il-patt miegħu mal-adulterju, għax l-adulterju jkisser u jeqred il-qdusija tal-intimità tal-koppja. Iżda kerha wkoll kienet l-ipokrisija tal-kittieba u l-fariżej li jużaw lil din il-mara biex jipprovaw idaħħlu lil Ġesù f ’xibka. Inċidentalment, fejn kien ir-raġel li kien ħati ta’ adulterju magħha? Hija tifkira oħra li l-“ġustizzja” tagħna l-bnedmin hija dejjem parzjali u limitata.
Huwa għalhekk li Ġesù jdawwar l-attenzjoni fuq l-akkużaturi: jekk hu, li hu bla dnub, jagħżel li ma jikkundannax lil din il-mara, min huma huma biex iħaġġruha? Il-messaġġ fehmuh u telqu ’l hemm kollhom mistħija.
Iżda d-dnub tagħha ma kienx sempliċiment ikkanċellat; Ġesù refgħu fuqu nnifsu: partat il-ġebel li kien indirizzat lejn dik il-mara mal-imsiemer, ix-xewk u l-lanza li kellu jsofri hu stess. Id-difiża tiegħu ta’ din il-mara żgur ħarrxet lill-akkużaturi ta’ Ġesù matul il-passjoni tiegħu.
Huwa għalhekk li Ġesù, fi tmiem il-ġrajja, jordnalha biex tmur u ma tidnibx iżjed. Qed jistedinha ma tibqax vittma tal-ħajja l-qadima tagħha għax hu rebħilha ħajja ġdida, l-istess bħalma aħna wkoll fil-magħmudija ngħatajna ħajja ġdida. Minflok tgħammdet fl-ilma bħalna, din il-mara tgħammdet fit-trab fejn waddbuha l-fariżej (u li fih Ġesù tbaxxa jikteb xi ħaġa misterjuża), u fid-dmugħ ta’ ndiema li xerrdet.