Il-5 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
L-GĦAJNEJN LI JAGĦTUNA L-GRAZZJA
Is-siltiet tal-qari ta’ dan il-Ħadd jistednuna nħarsu lejn il-ġejjieni, lejn in-novità, lejn triq li tinfetaħ fid-deżert. Iżda dan ma jkunx jista’ jsir jekk il-qalb tibqa’ magħluqa fiha nfisha, magħluqa u miġruħa bit-trawmi tal-imgħoddi. Fil-każ tal-mara li nqabdet fl-adulterju, kien hemm nies oħra li kkundannawha u riedu jħaġġruha. Iżda ħafna drabi ma jiswewx in-nies l-oħra biex issir kundanna għall-mewt. Sikwit inħaġġru l-ħsibijiet tagħna stess u l-istess sensi tagħna ta’ inadegwatezza. Il-bniedem jista’ jsir l-aktar ġustizzjier aħrax tiegħu nnifsu, jekk ma jsibx ankra ta’ salvazzjoni fl-għajnejn ta’ xi ħadd li jagħtih sens biex jgħix. U dan jiġri meta naħbtu ma’ dawk l-għajnejn li jagħtuna l-grazzja u jerġgħu jlibbsu l-għera ġewwiena tagħna. Huma għajnejn li jerfgħuna ’l fuq bis-saħħa tal-imħabba li tgħinna u tagħmilna ħolqien ġdid. Huma għajnejn – biex ngħiduha ma’ profeta ta’ żmienna – li jgħinuna «nsiru ħielsa, inkunu aħna nfusna, nagħrfu l-ġmiel tagħna, nagħrfu li aħna għajn ta’ ħajja.»