Il-5 Ħadd tal-Għid sena B
Il-Ħadd li għadda Ġesù qal li hu r-ragħaj it-tajjeb. Did-darba, biex jurina aħjar sa fejn tasal l-għaqda bejnu u bejn id-dixxipli, jgħid li hu d-dielja u d-dixxipli l-friegħi. Din tal-aħħar hi xbieha li aħna nifhmuha aħjar għax illum ma għadniex naraw rgħajja u ma nafux sewwasew kif kien xogħolhom, imma dwieli għadna naraw sal-lum anki f’pajjiżna u għalhekk nistgħu nifhmu aħjar il-kliem: “Min jibqa’ fija (bħal fergħa f’dielja) u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.” In-Nisrani u Kristu huma ħaġa waħda bħalma ħaġa waħda huma l-fergħa u d-dielja. Aħna nistgħu ngħixu u nagħmlu l-frott sakemm nibqgħu magħqudin ma’ Kristu, għax hu jgħid: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.”