Il-5 Ħadd tal-Għid A
IT-TRIQ, IL-VERITÀ, IL-ĦAJJA
Qabel ma jerġa’ jmur għand il-Missier, Ġesù ried idaħħalha f’moħħ id-dixxipli li hu ma kienx sa jitlaqhom waħedhom u ma jagħmel xejn aktar għalihom. Hu qalilhom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu... biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” Bħalma l-Mulej mgħobbi bis-salib u msallab u mqajjem mill-imwiet daħal fil-glorja tal-Missier, hekk ukoll id-dixxiplu tiegħu, miexi warajh, fl-aħħar jidħol hu wkoll f’dik il-glorja. Għalhekk Ġesù jqiegħed lilu nnifsu bħala t-triq li twassal għal għand il-Missier li hu l-verità u l-ħajja. Iżda ninnutaw kif id-dixxipli ma jifhmu xejn minn dak li jgħid Ġesù. Filippu kien għadu ma fehemx li Ġesù huwa x-xbieha li tidher ta’ Alla l-Missier li ma jidhirx. “Urina l-Missier – Ma temmnux li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Min ra lili ra lill-Missier.” Ġesù jwiegħed li min jemmen f’dan jagħmel l-opri li jagħmel hu u jagħmel akbar minnhom, għax bil-qawwa li jingħata jkun jista’ jegħleb l-egoiżmu tiegħu u jgħix biss għal Alla u għall-proxxmu.