Il-5 Ħadd tal-Għid - Sena A
IL-FIDUĊJA TAGĦNA F’ĠESÙ
Ma għandniex nibżgħu, jgħid Ġesù. U jinqeda bil-verb li juri l-biża’ mill-baħar imqalleb. Tabilħaqq: fil-ġrajjiet tal-ħajja ħafna drabi nħossuna qisna f’nofs il-maltemp, bla ma nistgħu naħkmu d-dgħajsa.
Lil Tumas Ġesù jurih il-mogħdija, it-triq. Fil-bidu tal-Knisja l-Insara kienu msejħin “in-nies tat-triq”, dawk li jinsabu f’mixja. Iżda llum ħafna jħarsu lejn il-fidi bħala dar, kenn, pakkett ta’ veritajiet sodi biex fihom nemmnu. Il-Kristjaneżmu huwa dinamiku, jinsab dejjem iterraq, min jimxi wara min ma għandux fejn iserraħ rasu ma jistax jaħseb li sa jkun Nisrani darba għal dejjem! U Ġesù jwieġeb lil Tumas, li kien għadu kemm sar jaf, iżda ma kienx fehem sal-aħħar, li l-Mulej jimxi qabilna, imur xi mkien ieħor, ma jħalliniex waħedna, iżda jistedinna nxammru l-kmiem. Biex nibqgħu fiduċjużi, jgħid Ġesù, irridu nafdaw fih li hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Tumas jafda. Dalwaqt jagħmel il-kontijiet mal-għarqa tad-dgħajsa tiegħu, mad-dgħufijiet tiegħu. Iżda, wara konverżjoni muġugħa, l-Irxoxt iltaqa’ miegħu, tmint ijiem wara l-Għid. Dan l-aħħar sirt naf Indjana Kattolika, membru ta’ komunità antika li tgħid li kien l-Appostlu Tumas li xandrilha l-Vanġelu, li fl-aħħar fehem li Ġesù huwa t-triq, il-verità u l-ħajja. U mar ixandru.