Il-5 Ħadd tal-Għid - Sena A
NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U MAL-AĦWA NIBQGĦU SĦAĦ FIL-FIDI!
Aħna nemmnu, skont it-tagħlim li rċievejna u l-Iskrittura, li l-komunità hija mibnija b’ġebel ħaj. Dan ifisser, li kull komunità Nisranija hija ħajja, u aħna nistgħu ngħidu dan mhux biss għaliex tgħallimna, imma fuq kollox, għax wieħed jaħseb, li ngħixu bih. Fis-siltiet tal-lum, naqraw sewwasew dan, li aħna min aħna u ġejjin minn fejn ġejjin, ladarba qegħdin ngħixu f’din il-komunità, aħna msejħin biex ninbnew f’dar spiritwali li fiha noffru sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla. Naturalment, l-Ispirtu Alla jgħix ġo fina u magħna, iżda aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna wkoll, biex inkunu aktar effiċjenti.
Fl-ewwel qari, naraw li l-komunità kienet taqra is-sinjali taż-żminijiet. Inħolqot sitwazzjoni li kienet ixxekkel il-Kelma milli tixtered aktar. Għalhekk, fil-ġemgħa kien diskuss u deċiż li jintgħażlu rġiel mimlijin bl-Ispirtu u bl-Għerf, biex jingħataw għas-servizz. Hawnhekk naraw, din id-dar spiritwali tistgħana b’aktar ministeri, u għalhekk titqawwa u tisbieħ aktar. U fil-fatt, din id-dar, din il-komunità ġibdet ħafna aktar nies lejn Alla l-Imbierek, tant hu hekk li l-għadd tad-dixxipli kien dejjem jikber.
Kull fejn hemm il-ħajja, dejjem hemm il-bidla u bidla għat-tajjeb, u l-Insara dan jagħmluh permezz tad-dixxerniment. Il-bidla ssir meta jkun hemm il-bżonn, li kultant ikun impost mit-tibdil soċjali li fih tgħix il-komunità. Hawnhekk, nifhmu li dan il-proċess ifisser li kull Nisrani huwa fis-stat kontinwu ta’ konverżjoni u dejjem miexi lejn ħajja integrata dejjem aktar fil-fidi fi Kristu. Il-komunità wkoll għandha din is-sejħa li b’responsabbiltà kbira trid twieġeb għaliha, biex din id-dar tisbieħ dejjem aktar.
Fl-Evanġelju, Ġesù jagħmel il-qalb lill-għeżież tiegħu, għaliex jaf li dan il-proċess huwa diffiċli għalina l-bnedmin, dan minħabba li aħna norbtu qalbna wisq mal-affarijiet ta’ din id-dinja, imma hu jixtieq li aħna norbtu qalbna miegħu biss. Is-sejħa għall-konverżjoni tista’ tħawwadna, imma jekk qalbna tistrieħ fih u fuq il-Kelma tiegħu, nibqgħu sħaħ. Hu biss it-triq, il-verità u l-ħajja u għalhekk hu l-kenn kollu tagħna. Meta naslu nagħrfu l-verità ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna, insibu t-triq li żgur twassalna għall-ħajja fih u dan mhux biss waħedna imma flimkien mal-aħwa.