Il-5 Ħadd tal-Għid - Sena A
JIEN T-TRIQ IL-VERITÀ U L-ĦAJJA
Ġesù tant ħabbna li ta ħajtu għalina! Tant iħobbna, li diġà lestielna fejn noqogħdu meta nitilqu minn din id-dinja. Imma forsi jkun hawn min jistaqsi: x’għandi nagħmel biex nikseb dan il-post li hemm imħejji għalija?
Is-soluzzjoni hija waħda, u tahielna Ġesù nnifsu: “Jiena t-Triq, jiena l-Verità u jiena l-Ħajja.” Din hi s-soluzzjoni biex tikseb il-premju tal-ħajja ta’ dejjem! Minn issa stess, mil-lum, trid tqiegħed lil Kristu bħala t-triq tiegħek: timxi f’din it-triq, ma toqgħodx tħares lejn toroq oħra! Waħda hija it-triq li twassal għall-ħajja: Kristu.
Trid tibda minn issa stess, timxi fuq il-Verità! Ma tistax toqgħod titliegħeb mal-gideb jew mat-tgħawwiġ. Ma tistax toqgħod tgħawweġ il-verità biex takkomodak! Verità waħda hemm, u ma tinbidilx: Kristu! Trid timxi fuq il-passi tiegħu, timxi fuq it-tagħlim tiegħu – anki meta forsi ma jogħġbokx, jew tarah diffiċli! Dik hi l-Verità, m’hemmx oħra.
B’hekk biss tista’ tikseb il-Ħajja, li hi Kristu nnifsu. Meta mmorru l-ġenna, aħna ninħatfu fi Kristu, insiru ħaġa waħda miegħu. Bħalma ngħidu fi tmiem it-Talba Ewkaristika fil-quddiesa: “Bi Kristu, ma’ Kristu, fi Kristu.” Hekk hu: kollox fih, kollox bih, kollox għalih. U kif jgħidilna San Pawl: “Kollox jinġabar taħt Ras waħda li hu Kristu, kulma hu fuq l-art u kulma hu fis-sema!”
Fl-għaqda bejn il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, insib l-eżistenza tiegħi. Hija din l-għaqda bejn il-Persuni tat-Trinità Qaddisa li lilna tgħaqqadna lkoll flimkien u tagħmilna ħaġa waħda biex b’hekk inkunu nistgħu nilħqu l-mira tagħna: Alla.
Kristu huwa kollox għalija. Mingħajru ħajti ma teżistix. Mingħajru jien ma nistax ngħix. Mingħajru jien ma nistax nilħaq l-iskop li għalih Alla ħalaqni: li wara din il-ħajja mmur ingawdih għal dejjem.