Il-5 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-5 Ħadd tal-Għid Ċ
IS-SALIB HU L-GLORJA TA’ KRISTU
 
Ninsabu fl-Aħħar Ċena, f’dak il-waqt li fih miċ-ċenaklu ħareġ Ġuda. Dan il-ħruġ ta’ Ġuda hu marbut mal-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib, għax Ġuda mar biex ibigħ lil Sidu u jħallih f’idejn l-għedewwa tiegħu li jaqtgħuhielu għall-mewt. F’dan is-sens irridu nifhmu l-kliem ta’ Ġesù “Bin il-bnedem huwa gglorifikat issa...” Il-glorja tal-bniedem tinsab fl-ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla. U r-rieda tal-Missier għal Ġesù kienet li hu jsalva l-bnedmin bil-mewt tas-salib. Ġesù msallab għalhekk isir bħal kalamita: “Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12:32). Qabel il-mewt u l-glorifikazzjoni tiegħu, Ġesù ried iħalli bħala testment lid-dixxipli ħaġa li biha kellhom jibqgħu jingħarfu. Hu jsejjaħlu kmandament ġdid: “bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.” Din hi n-novità ta’ Kristu fit-Testment il-Ġdid: li nħobbu kif iħobb hu. Dan hu l-eżami tal-kuxjenza li rridu nagħmlu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” Fejn m’hemmx din, m’hemmx dixxipli.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content