Il-5 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-5 Ħadd tal-Għid Ċ
NAGĦTIKOM KMANDAMENT ĠDID
 
Illum San Ġwann fl-Evanġelju tiegħu jagħtina silta mill-isbaħ (13:31-35): fiha jiġbor l-aktar messaġġ importanti li jagħti Ġesù lid-dixxipli tiegħu – ‘Nagħtikom kmandament ġdid li tħobbu lil xulxin.’ Għal darb’oħra l-Imgħallem iqegħdilna quddiemna sfida kbira: mhux biss li nħobbu lil xulxin, imma l-mod ta’ kif inħobbu ma jridx ikun bi mħabba kwalunkwe imma ‘bħalma ħabbna HU.’ Hu ħabbna għax tana kollox, tana ħajtu fuq is-salib. Hija l-imħabba l-karatteristika ewlenija tan-Nisrani għax min iħobb ġej minn Alla.

Tajjeb li naraw x’ġara qabel ma Ġesù tkellem fuq il-kmandament il-ġdid. Fil-bidu tal-kapitlu 13, l-Evanġelista Ġwanni jirrakkonta l-ġest tal-ħasil tar-riġlejn (13:1-17) fl-aħħar ikla li l-Imgħallem għamel mal-Appostli qabel ma bata l-passjoni u l-mewt. Huwa qam minn fuq il-mejda, libes il-fardal u beda jaħsel riġlejn l-Appostli tiegħu. Dan kien sinjal tal-imħabba infinità tiegħu lejhom, tant li Pietru ma setax jemmen kif l-Imgħallem beda jaġixxi b’dan il-mod, qisu l-ilsir tagħhom. Il-kap tal-Appostli jagħmel reazzjoni normali – huwa ħaseb: kif jista’ jkun l-Imgħallem li tant għandu awtorità fil-kelma u qawwa fil-mirakli jinżel f ’dan il-livell baxx li jaħsilli riġlejja?

Ġesù jurihom it-tifsira ta’ dak il-ġest umli: ‘Jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll’ (Ġw 13:15). L-istess stedina l-Imgħallem qiegħed jagħmilha lilna wkoll. L-imħabba tagħna tkun tixbah lil tiegħu daqskemm ningħataw għallqadi tal-oħrajn. Jekk inti missier jew omm; jekk inti iben jew bint; jekk inti saċerdot jew reliġjuż/a; jekk inti persuna pubblika jew għandek xi setgħa; jekk inti għani jew imdaħħal fin-negozju; inti x’int, jekk trid timxi wara l-Imgħallem ta’ Nazaret, trid tiftaħ widnejk biex tisma’ x’qiegħed jgħidlek u tagħmel dak li jixtieq minnek – bħalma jien tajt ħajti għalik, hekk agħmel inti wkoll.

Id-dinja li qegħdin ngħixu fiha tipprovdilna bosta waqtiet li fihom aħna, bħala Nsara, nistgħu ngħixu skont dan il-kmandament il-ġdid li ħallielna Ġesù. Meta naslu għal dan il-għan, aħna wkoll ngħaddu mill-istess tisbiħ li għadda minnu l-Imghallem qabilna. Kif Ġesù daħal fis-saltna sabiħa tal-Missier, aħna wkoll nidħlu nagħmlu parti minn din is-saltna jekk ngħixu l-kmandament ġdid talimħabba. Jiddependi minnek kemm sa tilqa’ din l-istedina tal-Imgħallem divin.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content