Il-5 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-5 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
JIENA MITLUF JEW SALVAT?

Ġesù kien għadu kemm qal lid-dixxipli li wieħed minnhom kien sa jagħtih f’idejn l-għedewwa. L-Imgħallem inkwetat. Issa li s-siegħa waslet qed iħoss f’qalbu l-għaja kollha tal-ġest kbir li kien sa jagħmel.

Ġesù jbill loqma ħobż u jagħtiha lil Ġuda li jikolha u aktar iwebbes qalbu. Ġuda mriegħed, joħroġ fid-dlamijiet. Dak id-dlam li issa qed idawru. Iżda miegħu, f’qalbu, qed iġorr il-ħobż, l-Ewkaristija. Ġesù kien għadu kif ingħata lid-dlamijiet. Iżda d-dawl sa jfarrak l-aktar dlam ċappa. U Ġesù jinsisti: issa jiena msebbaħ, qal. Fit-tradiment ta’ Ġuda naraw il-kobor tal-imħabba ta’ Ġesù. Ġuda ntilef, iżda l-Mulej ma ġiex sewwasew biex isalva dak li kien mitluf? It-telfien mhuwiex sewwasew il-post teoloġiku tas-salvazzjoni? Aħna ma nsalvawx sewwasew għax qabel konna mitlufin? Ma’ Ġuda Ġesù seta’ juri l-kobor tal-imħabba ta’ Alla, li hi bla qies. Kull bniedem li jagħraf lilu nnifsu jagħmel din il-mistoqsija: jiena mitluf jew salvat? Ġesù jwieġeb: int mitluf u int salvat. L-Appostli ma jifhmux, hekk kif ma fehmux il-ġest tal-ħasil tar-riġlejn. Pietru, wara ftit, sa jgħid li hu lest jagħti ħajtu għal Ġesù. Pietru issa beda jaħseb li hu Alla. Ġesù jfakkru li hu kien sa jagħti ħajtu għad-dixxipli. Serduk kien sa jidden u jfakkar lil Pietru fil-limiti tiegħu. Mhux għal Alla għandu jmut, iżda miegħu. Dak kollu li jista’ jagħmel id-dixxiplu hu li jimita lill-Imgħallem u mhux jidħol minfloku.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content