Il-5 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-5 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
“KMANDAMENT ĠDID”

Ninsabu fi żmien il-Għid, żmien sabiħ li jistedinna niċċelebraw bla waqfien il-ferħ ta’ Kristu Rxoxt. U għalhekk forsi nistagħġbu llum li l-Knisja fil-Vanġelu tippreżentalna qisu flashback; għandna xena meħuda mill-aħħar ikla li Ġesù għamel mad-dixxipli tiegħu qabel ma arrestawh u ħaduh għall-passjoni u l-mewt tiegħu.

Forsi nistaqsu għalfejn, u r-raġuni hija waħda sempliċi ħafna: għax il-fatt li Ġesù qam mill-mewt mhux talli ma jnaqqasx minn dak li qal u għamel qabel il-mewt tiegħu, talli aktarx iqiegħed siġill ta’ awtentiċità u awtorità fuq kliemu. Il-Knisja llum qed tfakkarna fit-Testment spiritwali li l-Mulej ħalla lil sħabu f ’dak il-lejl; u għax issa huwa qam mill-mewt, jibqa’ jorbot lilna wkoll (li rridu nkunu ħbiebu) għal dejjem.

Matul l-istorja, il-bnedmin dejjem taw importanza kbira lill-aħħar kliem li nies kbar jgħidu qabel mewthom (bħal Ġulju Ċesari jew Mahatma Gandhi). Aħna wkoll nagħmluha dil-ħaġa mal-għeżież tagħna. Regolarment, fuq facebook jew waqt xi funeral, in-nies jgħidu affarijiet sbieħ bħal: “L-aħħar li kellimt lin-Nanna l-ġimgħa l-oħra, u dakinhar qaltli li veru għandha ħeġġa tfittex tmur il-Ġenna ħdejn in-Nannu u z-ziju Toni.” Donnu l-kliem li l-bnedmin jgħidu fl-aħħar mumenti tagħhom jieħdu qawwa akbar.

Mela kemm aktar il-kliem ta’ Ġesù, li jikkmanda lilna, il-komunità tad-dixxipli tiegħu, biex insegwu livell ogħla ta’ mġiba. Dal-kmandament ta’ Ġesù huwa superjuri għall-kmandamenti l-oħra, għax għalkemm kienu u jibqgħu validi, kienu intenzjonati biex jiżguraw minimu ta’ mġiba tajba għall-paċi fis-soċjetà (“La toqtolx”; “la tisraqx”).

Ġesù le: ma jridniex biss nevitaw il-ħażen, imma jridna nistinkaw biex nagħmlu t-tajjeb, biex inħobbu. U l-kwalità ta’ mħabba li jpoġġilna bħala eżempju mhijiex astratta jew bl-addoċċ: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.” L-imħabba ta’ Ġesù hija l-kriterju ta’ kif trid tkun l-imħabba tagħna: imħabba fidila, totali, li taħfer u li ma taqtax qalbha. Imħabba bla kundizzjoni li lesta tagħmel kull sagrifiċċju għall-maħbub. Imħabba li lesta tissallab, għad li innoċenti.

Jekk nagħmlu sforz biex inħobbu b’din il-kwalità ta’ mħabba, inkunu mhux biss qed nevitaw it-tensjoni u l-kunflitt, imma nkunu wkoll qed nevanġelizzaw id-dinja bl-eżempju tagħna: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi.” Mhux mill-festi u d-devozzjonijiet (biss), imma mill-imħabba.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content