Il-5 Ħadd matul is-sena B
Is-silta tqegħdilna quddiemna lil Ġesù bħala t-tabib tar-ruħ u l-ġisem. Ġesù hu s-Salvatur tal-bniedem sħiħ – ruħ u ġisem – hu ma jfejjaqx biss lir-ruħ, imma jieħu ħsieb il-ġisem ukoll u lilna jridna nieħdu ħsieb saħħitna. Iżda nafu li Ġesù kien jagħti prijorità lir-ruħ għax minnha tiddependi l-ħajja taż-żmien li ġej li hi eterna. Il-fejqan spiritwali fil-Vanġelu jidher fi frażijiet bħal “joħroġ ix-xjaten”, “ikeċċi x-xjaten”, “dnubietek maħfura”... u l-bqija. Fis-silta tal-lum, wara li Ġesù fejjaq lil omm il-mara ta’ Xmun, ħadulu quddiemu l-morda kollha u ’l dawk li kienu maħkuma mix-xitan. Il-fejqan mill-mard u d-dnub huwa sinjal tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-qawwiet tal-ħażen.