Il-5 Ħadd matul is-sena A
MELĦ TAL-ART – DAWL TAD-DINJA
Huwa d-Diskors tal-Muntanja li fih Ġesù jgħallimna kif għandna ngħixu ta’ dixxipli. Id-dixxiplu huwa dak li jimxi wara l-imgħallem tiegħu u jsir jixbhu. Wara li xandar il-beatitudnijiet, Ġesù qal lid-dixxipli li huma l-melħ tal-art. Dan ifisser li bl-imġiba tagħhom huma kellhom jagħtu togħma tajba lill-ħajja tad-dinja, bħalma l-melħ jagħti togħma tajba lill-ikel u wieħed jieħu gost jieklu. Il-melħ ukoll jippreserva l-ikel u jbiegħed minnu t-taħsir... hekk in-Nisrani, b’ħajtu jmissu jippreserva ħajjet id-dinja u jżommha fil-ġmiel li fih ħalaqha l-Ħallieq. Mela l-Insara għandhom iħallu impatt fl-ambjent fejn jgħixu, u jridu jidhru u jinħassu li qegħdin hemm. Id-dawl ma jinxtegħelx biex jinħeba imma biex jitqiegħed fl-għoli u jdawwal fejn ikun. L-Insara veri huma d-dawl tad-dinja. Fi kliem ieħor in-Nisrani jrid jagħti xhieda tal-fidi tiegħu b’ħajtu, u b’hekk iħajjar lil min jagħmel bħalu “u jagħti glorja lill-Missier li hu fis-smewwiet.” Jekk dan għal xi raġuni ma jsirx inkunu fallejna bħala Nsara!