Il-5 Ħadd matul is-sena - Sena A
MELĦ BLA TOGĦMA?
Jekk ma ngħixux il-beatitudnijiet, jgħid l-Imgħallem, inkunu bħal melħ bla togħma, bħal belt mibnija f’qiegħ ta’ wied, bħal musbieħ moħbi taħt is-siegħ. Jiġifieri xejn. Agħar minn hekk: bla siwi. Fidi li ma tagħtix togħma, li ma tappellax, li ma ddawwalx, fidi mejta u midfuna.
Il-melħ kien daqshekk prezzjuż fil-qedem li għal ħafna, fosthom għas-suldati, kien il-ħlas li kienu jieħdu għal xogħolhom, minn hawn il-kelma “salarju” (mil-Latin salis = melħ). Ir-rabbini kienu jgħidu li t-Torah hija l-melħ tad-dinja. Mhux biss, Ġesù jgħid: anki d-dixxipli huma msejħin biex isiru melħ tal-art. Biex isiru l-Liġi l-ġdida ta’ Alla li timxi fit-toroq, li ssir konkretezza u għażla, fiduċja u sabar, telqien u ħeġġa. Kemm hi ħaġa tqila tiekol ikel bla togħma! U t-togħma għandha x’taqsam mal-għerf, li hu don ta’ Alla. Huwa għaref min jagħti togħma lil ħajtu, u t-togħma tiġi mill-Kelma megħjuxa u inkarnata jum b’jum. Ejjew nagħtu togħma lil dak li nagħmlu, lill-kliem li ngħidu (ħalluna mill-kliem fieragħ!), irroxxu l-melħ billi nqiegħdu dejjem il-Kelma fit-tokk ta’ kliemna. Aħna l-Insara aħna melħ tad-dinja, imsejħin biex nixhdu quddiem kulħadd l-imħabba bla tmiem ta’ Alla għalina. Kurjuż hu l-fatt li Ġesù jitlob mid-dixxipli, melħ tal-art, li ma jitilfux it-togħma: iżda l-melħ ma jistax jitlef tomgħmtu. Jekk ma tħalltux ma’ sustanzi oħrajn li jnaqqsulu qawwietu. Jekk inċedu nitilfu l-ħila li mmellħu.