Il-5 Ħadd matul is-sena - Sena Ċ
ALLA JIBQA’ JIMLA ĦAJJITNA BIL-MIRAKLI
Alla jilħaqna dejjem fi tmiem lejl bla frott, fl-anqas waqt mistiku li nistgħu nobsru. Jitlobna ħaġa li mad-daqqa ta’ għajn tidher bla siwi: nixħtu x-xbieki min-naħa l-ħażina ta’ ħajjitna, jitlobna ma nistriħux fuq ħilietna, iżda li jkollna fiduċja fih.
Naqdfu ’l barra u nixħtu x-xbieki, minkejja kollox. Pietru hekk għamel u seħħ dak li qatt ma basar bih. Ix-xbieki mtlew, il-ħut inqabad bil-kotra, id-dgħajsa għal naqra ma għerqitx. Il-miraklu hu dejjem ġrajja ambigwa, li tista’ titfisser b’ħafna modi, kultant kuntrastanti. Xmun quddiem dik is-sajda seta’ jgħid: “Xorti tal-prinċipjant!”, jew xi ħaġa bħal dan il-ħsieb loġiku. Il-miraklu jinsab fil-fatt li Pietru jara f’din is-sajda sinjal straordinarju. Il-miraklu hu dejjem f’ħarsitna, Alla jibqa’ jimla ħajjitna bil-mirakli. U aħna ma narawhomx. Issa s-sajjied jinsab imħawwad. X’ihu jiġri? Jinżel għarkopptejh, qabel ma jċedi: “M’iniex kapaċi, ma jistħoqqlix.” Hija t-tkewtila ewlenija li joħorġu biha dawk kollha li, għal xi waqt, imissu ma’ Alla: ma jistħoqqlix, jiena midneb. Ninsabu dejjem hemm, imsammrin mal-moraliżmu mmuffat tagħna: ħalli f’idejn Alla! Naħsbu li Alla jridna nagħmlu eżami, li jagħmlilna xi kundizzjonijiet. Le, mhux hekk: aħna qed nagħmlu l-kundizzjonijiet, mhux Alla. Qatt. Ġesù jitbissem: hija problema tiegħek, Pietru, għalija tajjeb hekk. Jiena ġejt għall-morda mhux għan-nies b’saħħithom.