Il-31 Ħadd matul is-sena A
Ġesù jrid jurina li l-virtujiet tan-Nisrani għandhom ikunu l-umiltà u s-sinċerità li t-tnejn huma marbutin mal-imħabba li hi s-sultana tal-virtujiet. Min veru jħobb jagħraf ix-xejn tiegħu u jqiegħed lilu nnifsu f’qagħda ta’ qaddej, li jaqdi lill-oħrajn u jgħinhom b’kull mod. Dan ma jagħmlux min hu minfuħ u mkabbar bih innifsu. Mhux hekk għamel il-Mulej Ġesù li sar xejn biex aħna nsiru wlied Alla flimkien miegħu? Hekk ukoll is-sinċerità: kif nidhru minn barra jrid juri x’aħna tabilħaqq minn ġewwa. Għax inkella jiġrilna bħall-Fariżej, li band’oħra fil-Vanġelu l-Mulej sejħilhom oqbra mbajda, li minn barra jidhru sbieħ, nodfa u mbajdin, imma minn ġewwa huma mimlijin b’taħsir ta’ iġsma mejta, għadam u ntejjen oħra. Did-darba lill-Fariżej Ġesù jurihom bħala nies li jħobbu jidhru, iħobbu jilbsu lbies li bih juru li huma devoti, iħobbu l-unuri, iħobbu min isellmilhom fit-toroq u l-pjazez, iħobbu jkunu minn ta’ quddiem fiċ-ċerimonjal, imma fuq kollox iħobbu jiddettaw fuq ħaddieħor kif għandha titħares il-liġi ta’ Alla, filwaqt li huma “lanqas b’sebagħhom wieħed” ma jerfgħu l-piż tagħha. Min hu umli u jrid jogħġob lil Alla żgur li ma jagħmilx hekk. Ħaġa li kultant issib lil min jistaqsiha: Ġesù jgħid, “issejħu ’l ħadd ‘missier’ fuq din l-art”; mela kif aħna ninsistu li lis-saċerdot insejħulu missier? Dan nagħmluh għax nemmnu li s-saċerdot bis-saħħa tal-ordinazzjoni għandu sehem mis-saċerdozju ta’ Kristu, u nsejħulu “missier” biex fil-persuna tiegħu nqimu lil Kristu.