Il-31 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-31 Ħadd matul is-sena - Sena A
ĠESÙ JURI WIĊĊU

Għal seba’ darbiet (l-għadd tas-sħuħija!) fil-kapitlu 23 ta’ Mattew, Ġesù jixħet theddida (ħażin għalikom!) lil dawn in-nies, bi ħruxija li tgħaġġibna u tinkwetana. Ma joqgħodx jomgħodha,  Ġesù, fejn tidħol id-difiża tal-fidi fil-Missier.

Kultant nippreżentaw lil Ġesù bi xbieha stereotipata: żagħżugħ bid-daqna jitbissem b’xagħru twil u b’ħarsa melliesa. Tabilħaqq: l-Imgħallem għadda fl-istorja bl-atteġġament tiegħu ħanin u kollu mogħdrija, iżda ma għandniex nistħajlu lil Ġesù bħallikieku kien bniedem pallidu jew beżżiegħ,  timidu jew dgħajjef. Fejn tidħol id-difiża tal-idea tiegħu dwar Alla u dwar il-bniedem, Ġesù juri wiċċ deċiż u virili, li jaf jitkellem bla biża’, li jinsa l-formalitajiet u l-manjieri t-tajba biex joħroġ fil-beraħ difetti u ipokrisiji. U hi sewwasew l-ipokrisija, jiġifieri l-falzità, l-atteġġament li l-aktar iddejjaq lil Ġesù fil-mixja tiegħu biex ixandar il-Vanġelu. Mhux id-dnub, mhux il-bruda fil-fidi, mhux is-superstizzjoni, li jikkoreġihom ukoll, iżda sewwasew biss l-ipokrisija, dak l-atteġġament falz ta’ min jidher b’mod u jaħseb b’mod ieħor. U l-aktarnett dik l-ipokrisija li ssaltan fost in-nies li jemmnu u d-devoti. U l-aktarnett is-super-devoti: il-Fariżej, il-Qassisin tat-tempju, il-Kittieba. Jekk għal Luqa t-theddid hu mixħut fuq l-għonja, fil-beatitudni, għal Mattew is-suġġetti f’riskju huma n-nies li jemmnu. Il-bidu tal-kapitlu jdawwalna: dad-diskors tan-nar Ġesù ma jgħidux lil dawk interessati b’mod dirett imma lill-ġemgħa u lid-dixxipli tiegħu miġburin biex jisimgħuh. Jiġifieri lilna.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content