Il-31 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-31 Ħadd matul is-sena Ċ
“F’DIN ID-DAR ILLUM DAĦLET IS-SALVAZZJONI”

Fil-kapitlu 15 tal-Vanġelu tiegħu, San Luqa jġib il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa jew tar-ragħaj it-tajjeb, li biex ifittixha ħalla d-disgħa u disgħin fid-deżert waħedhom sa ma sabha. Fil-kapitlu 19 tal-istess Vanġelu għandna ġrajja minn ħajjet Ġesù li turi fil-prattika dakli tgħid il-parabbola fit-teorija. Ġesù daħal Ġeriko b’ġemgħa nies miexja miegħu: ir-ragħaj u l-merħla. Imma kif wasal taħt is-siġra li fuqha kien hemm Żakkew, in-nagħġa l-mitlufa, huwa ħalla l-merħla u mar għand dak li kellu l-aktar bżonnu. Ninnutaw li Żakkew kien kap tal-pubblikani, mela kien qisu “capo mafia” ta’ żmienna. Kien għani – bilfors, min jaf kemm seraq flus u kemm qala’ flus b’kummerċ illeċtu! Iżda kellu xewqa li jara ’l Ġesù. Dan ifisser li ma kienx ħażin sa barra. Tant hu hekk, li biex jara ’l Ġesù baqa’ jitħabat sa ma rah. Mir-rakkont jidher li Ġesù kien jaf bih, u sejjaħlu: “Illum jeħtieġli noqgħod għandek.” Jeħtieġli, għax Ġesù ġie jsejjaħ lill-midinbin għall-indiema. Din kienet il-missjoni tiegħu. U l-indiema ta’ Żakkew kienet tassew kbira: nofs ġidu tah lill-foqra u radd erba’ darbiet aktar il-flus li seraq. Aktar milli titlob l-liġi! B’hekk wera li hu bin Abraham, il-bniedem tal-fidi. F’daru dakinhar daħlet is-salvazzjoni għax daħal Ġesù.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content