Il-25 Ħadd matul is-sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-25 Ħadd matul is-sena B

QADDEJJA  TA’ KULĦADD

Il-Ħadd li għadda Pietru bi kliemu fixkel lil Ġesù milli jibqa’ miexi fit-triq tas-salib, kif riedu Alla l-Missier. Dik id-darba Ġesù qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan.” L-istess kliem li l-Imgħallem kien qal lix-xitan fit-tiġrib tad-deżert. Illum Ġesù jċanfar lid-dixxipli kollha – dawk li suppost li kienu jafuh mill-qrib – għax filwaqt li hu ħabbrilhom li kellu jgħaddi mill-passjoni biex jasal għall-glorja, huma bejniethom qagħdu jħaqquha fuq min kien l-ewwel wieħed fosthom. Il-Vanġelu jgħid ċar u tond li kliemu ma fehmuhx. Kieku fehmuh kienu jintebħu li l-Imgħallem – li hu tabilħaqq l-ewwel wieħed – fosthom kien qiegħed jagħmilha ta’ qaddej. U l-akbar sinjal li hu kien qaddej kienet sewwasew il-passjoni li kien riesaq lejn Ġerusalemm għaliha. Biha wera li hu l-Qaddej fidil u ubbidjenti ta’ Alla l-Missier, u qaddej tal-bnedmin li bid-demm tiegħu mxerred fuq is-salib kisbu s-salvazzjoni. Ġesù jixtieq – u dan il-Vanġelu jgħidu ċar – li d-dixxipli tiegħu jkunu bħalu: qaddejja ta’ kulħadd. “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd.” Biex naslu s’hawn jeħtieġ li jkollna qalb safja u sempliċi bħal tat-tfal iż-żgħar. Qalilna: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin...” Dawn huma d-dixxipli veri li jilqgħu u jemmnu f’Ġesù-Messija. “Tilqa’” hawn ifisser fuq kollox tkun bħal, tilqa’ l-istil safi u sempliċi ta’ dawk li jemmnu tabilħaqq.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content