Il-25 Ħadd matul is-sena B
L-IMĠIBA TA' KRISTU
U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: «Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni.» Alla jħobb l-umiltà għax hu nnifsu huwa umli. Min jgħix fl-umiltà, iniżżel għeruqu fih. Iżda kif jista’ jkun umli Alla, hu li hu “glorjuż”? Il-glorja tal-Mulej mhijiex it-tlellix ta’ tronijiet smewwija u lanqas mhi l-ħakma tiegħu fuq l-univers li jidher u fuq dak li ma jidhirx. Il-glorja tal-Mulej hija d-dinja tal-imħabba umli tiegħu. Imħabba u umiltà bilfors imorru flimkien. Billi l-Mulej hu «mħabba» fl-essenza l-aktar profonda tiegħu, huwa umli, għax min iħobb jagħmel l-ispazju għall-ieħor, isir humus (ħamrija) fejn l-ieħor ikun jista’ jniżżel l-għeruq u jikber. Dan hu l-kuntrast f’dan il-Vanġelu: bejn l-imġiba ta’ Kristu li jsir żerriegħa u d-dixxipli li jridu jkunu l-ewwel. Kristu, huwa u jħaddan it-tfajjel u jistedinna nilqgħu s-saltna bħal tifel, jistedinna nilqgħu ċ-ċokon (anki dak tagħna) għax jaf li fih hemm moħbi Alla.