Il-25 Ħadd matul is-sena A
Hija parabbola oħra tas-Saltna. Nerġa’ ntenni dak li għidtu band’oħra: is-Saltna tas-Smewwiet hija Ġesù. Mela f’din il-parabbola Ġesù qiegħed ifissrilna kif hu jagħti s-salvazjoni b’xejn lil kulħadd. “Lil kulħadd” jiġifieri mhux biss lil xi poplu partikulari, imma s-salvazzjoni li jagħti hija universali; jeħodha kull min jinfetaħ għaliha. “Tingħata b’xejn”, mela mhux għall-merti tagħna, ma nistgħux nixtruha, imma tingħata bl-imħabba ta’ Alla, għax Alla huwa Salvatur. Għalhekk din il-parabbola ma narawhiex tagħmel sens jekk nifhmuha b’mentalità industrijali, kif nagħmlu llum fi kwistjonijiet trejdjunjonistiċi, imma rridu nittrattawha u nifhmuha b’mentalità teoloġika. Il-ħaddiema tal-ewwel siegħa mhuma ħadd ħlief il-Lhud. Lilhom Alla għażel l-ewwel nies biex minnhom ixerred is-salvazzjoni tiegħu fuq kulħadd. Iżda din is-sejħa tagħhom il-Lhud ma fehmuhiex. Ħasbu li Alla jrid isalva lilhom biss, u għalhekk meta s-salvazzjoni, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu nfetħet għal kulħadd huma ma aċċettawhiex. Dan ifisser it-tgergir tal-ħaddiema waqt il-ħlas. Iżda dan hu l-messaġġ li jinstema’ bosta drabi fil-Vanġelu: “Tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel l-aħħar.” Għax is-salvazzjoni jagħtiha Alla bl-imħabba mhux bi dritt.