Il-25 Ħadd matul is-sena Ċ
MIN HU SID IL-BNIEDEM? ALLA? JEW L-GĦANA?
Ilkoll kemm aħna, jekk ħallejna lill-Imgħallem jiġbidna lejh, jekk il-Vanġelu tiegħu saħħarna, għandna f’qalbna mistoqsija: kif sa nbiddlu d-destin tad-dinja? Kif sa nwarrbu l-kustjoni tal-ekonomija li tiknes id-dinjità, kif sa rrażżnu din id-dittatura bla ħniena tal-kapitaliżmu?
Ġesù faħħar lill-amministratur tal-parabbola għall-mod kif ħaddem moħħu, għall-ħjiena tiegħu (mhux għad-diżonestà tiegħu!) u Ġesù jitniehed imnikket: “Kieku jkollna l-istess enerġija fit-tiftix tal-ħwejjeġ ta’ Alla!” Il-ħjiena tal-amministratur hija nieqsa mill-komunitajiet Insara għajjenin tagħna: ħsieb dgħajjef jistrieħ fuq erba’ devozzjonijiet u ftit moraliżmu mingħajr il-kuraġġ tal-konverżjoni, tad-djalogu, tar-riflessjoni. Is-sid faħħar lill-amministratur. Għaliex? Għax ra li ħoloqlu aktar telf? Le: l-amministratur kellu perċentwal fuq il-ħsad tas-sid, dak kien il-ħlas tiegħu. Dik id-darba hu ma ħax ħlas biex fil-ġejjieni l-midjunin mas-sid jgħinuh. Ma ħax il-perċentwal tal-qligħ tiegħu, u għamel sew. Ġesù jgħid: rawwem il-ħbiberija, iċċaħħad minn xi ħaġa tiegħek biex tmur tiltaqa’ mal-ieħor. Jien, dixxiplu, nista’ ngħix fil-paċi, iżda anki fil-ġustizzja: ħieles mill-inkwiet tal-flus, ħieles minn mammona, biex inkun dixxiplu. Is-sustanza hi din: naf x’niswa u mmur għall-essenzjal fir-rapporti tiegħi, mill-onestà fil-ħidma tiegħi, lejn is-solidarjetà, lejn stil ta’ ħajja tajba li taqbel mal-Vanġelu. Min hu sid il-bniedem? Alla? Jew l-għana?