Il-21 Ħadd matul is-sena B
Kliem iebes dan ta’ Ġesù, iżda huwa kliem li juri realtà kbira u jġibna wiċċ imb wiċċ mal-verità: l-inizjattiva tas-salvazzjoni tinsab f’idejn Alla. Hu jsalvana għax irid hu, għax hu mħabba, u l-filosfi jgħidu li l-imħabba taf tixered. Alla ma għandu bżonn ħadd. Bina u mingħajrna hu xorta jibqa’ għaddej bil-missjoni tiegħu li jsalva u jħobb. Lilna ħalliena fil-libertà: nilqgħu s-salvazzjoni li jagħtina hu jekk irridu aħna, imma l-għotja jagħmilha dejjem, irridu jew ma rridux aħna. Mela x’għandna nagħmlu biex insalvaw? It-tweġiba qiegħda fl-istqarrija ta’ Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. U aħna emminna li int il-Qaddis ta’ Alla.” Mela jekk temmen tabilħaqq f’Ġesù, intelaq fi ħdanu b’fiduċja bla tarf u ħobbu billi tħares il-kmandamenti tiegħu. Din hi s-salvazzjoni.