Il-21 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-21 Ħadd matul is-sena A
MIN HU ĠESÙ GĦALINA?
Fr Edmund Teuma

Huwa episodju li nsibuh fit-tliet Vanġeli sinottiċi. Ċesarija ta’ Filippu hija belt f’riġlejn il-muntanja Ħermon, qrib l-għajn ewlenija li minnha tibda x-xmara Ġordan. Tissejjaħ Ċesarija għax fiha Erodi l-kbir kien bena tempju tal-irħam u ddedikah lil Ċesri Awgustu. Tissejjaħ “ta’ Filippu” biex ma titħallatx mal-port ta’ Ċesarija mibni wkoll minn Erodi u ddedikat lill-istess imperatur Ruman. Filippu kien iben Erodi. Dakinhar Ġesù ried ikun jaf x’kienu qed jgħidu n-nies dwaru. Meta staqsa lid-dixxipli, huwa ta lilu nnifsu t-titlu ta’ “Bin il-Bniedem” – titlu messjaniku li Ġesù sikwit kien jagħtih lilu nnifsu u jfisser: “Bin Alla li sar Bin il-bniedem”. Huwa titlu li fih jiġbor fil-qosor it-tifsira tal-misteru tal-Inkarnazzjoni. Mela Ġesù diġà kien qed jagħtihom it-tweġiba t-tajba għall-mistoqsija li għamlilhom. Iżda din it-tweġiba ma ħarġitx minn fomm in-nies, li kienu jaraw f’Ġesù biss profeta bħall-profeti l-oħrajn. It-tweġiba ħarġet minn fomm Xmun Pietru, li tkellem f’isem sħabu l-oħrajn: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Pietru sejjaħlu “Bin Alla” u Ġesù sejjaħ lil Pietru “bin Ġona”, biex tidher id-differenza bejnu u bejn Pietru, imma sejjaħlu wkoll “hieni” għax ħadd ma jistqarr li Ġesù hu l-Mulej jekk mhux b’dawl li jiġi mill-Ispirtu s-Santu. U għalhekk fuq dik il-fidi u fuq il-persuna tal-Messija Bin Alla l-ħaj inbniet il-Knisja u Pietru rċieva s-setgħa li jħoll u jorbot. Għalhekk, jiġri x’jiġri fid-dinja, il-bibien tal-infern ma jistgħu jegħlbuha qatt.




ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content