Il-21 Ħadd matul is-sena Ċ
IL-FIDI MHIJIET KURŻITÀ
Il-fidi mhijiex kurżità. B’danakollu l-kurżità hi tentazzjoni kbira. Jekk niġru ġirja mal-Vanġelu nsibu bosta mistoqsijiet li saru lil Ġesù hekk, għall-kurżità, biex wieħed isir jaf, mhux biex jagħraf lil xi ħadd. U fil-Vanġelu nsibu kotra ta’ qagħdiet bħal dawn: is-Samaritana li tagħmel mistoqsijiet għall-kurżità fuq il-«ġeografija» ta’ fejn wieħed għandu jagħti qima, Pietru li hu kurjuż dwar id-destin tad-dixxiplu l-maħbub jew il-ħabib bla isem ta’ dal-Vanġelu li jrid jaf kif inhuma l-istatistiċi tas-salvazzjoni: «Mulej, ftit huma dawk li jsalvaw?» U wieħed jista’ jgħid ukoll: “X’hemm ħażin?” M’hemm xejn ħażin jekk mhux il-ħela ta’ ħin f’mistoqsijiet li lilna ma messhomx jinteressawna, filwaqt li nħallu barra dak li għandu jinteressana: «Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq.» Il-fidi mhijiex kurżità. Lanqas mhi kustjoni ta’ kultura ġenerali (tajba, anzi meħtieġa). Il-fidi hi kustjoni ta’ kult partikulari, ta’ konverżjoni li tiġġedded kuljum u ta’ superament ta’ dak li hu żejjed biex tgħix l-Essenzjal.