Il-15 Ħadd matul is-sena A
NILQGĦU L-GRAZZJA TA’ ALLA
Fil-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’ Ġesù jagħmel għażla bejn dawk li ma jridux jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u li għad li jisimgħuha ma jħalluhiex tidħol f’qalbhom, u dawk li jilqgħuha u jħalluha tagħmel il-frott. Tinstema’ iebsa t-tweġiba ta’ Ġesù għall-mistoqsija li għamlulu d-dixxipli, iżda din hi r-realtà tal-qagħda tal-bniedem. Alla ħalaq il-bniedem bid-dehen, bl-intelliġenza, u dan ifisser li ħalqu bid-don tal-għażla ħielsa. Alla ma jġiegħel lil ħadd, imma jħalli lil kulħadd fil-libertà jweġibx għall-grazzja tiegħu jew le. Għalhekk fid-dinja hawn ħafna ħażen u hu l-ħażen li jagħmel ħoss u jinstema’, għax ħafna nies ma jilqgħux il-grazzja ta’ Alla f’ħajjithom u lil Alla jgħidulu le. Dan hu li jfisser il-kliem li San Mattew ħadu minn Isaija 6:9-20: “Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset...” Aħna, li għandna l-fidi, nitolbu ’l Alla jkompli jrattbilna qalbna biex nibqgħu nilqgħu l-grazzja tiegħu f’ħajjitna, għax aħna wkoll xi drabi nistgħu nagħmlu l-għażliet il-ħżiena.