Il-15 Ħadd matul is-sena - Sena A
IŻ-ŻERRIEGĦA U L-ĦAMRIJA
«Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’…» Iż-żerriegħa hi waħda. L-artijiet ħafna. Il-frott li joħroġ miż-żrigħ ma jiddependix mill-kwalità taż-żerriegħa, iżda mill-ħamrija. X’inhi ż-żerriegħa f’dal-Vanġelu? Hi l-kelma tax-xandir, iżda fl-aħħar mill-aħħar hija l-Kelma. F’kull għotja tiegħu, il-Mulej irid jagħti lilu nnifsu. U Alla jagħti lilu nnifsu bla kejl. Alla jingħata fil-ġisem ta’ Kristu u fin-Nifs tal-Ispirtu. Iżda kif jingħad fil-Prologu ta’ San Ġwann, Ġesù ġie għand niesu, u niesu ma laqgħuhx. In-nuqqas ta’ frott ma jiġix mit-tjieba ta’ Alla, iżda minn ħamrija ħażina. Ejjew inħallu l-kelma tiegħu taħdem fi qlubna, tagħmilhom aktar ħelwin, tneħħilhom iż-żrar u x-xewk biex inkunu nistgħu nifirħu bil-ward li Alla jnibbet f’ħajjitna. Jalla ma jiġrix fina dak li jgħid il-profeta: «Tisimgħu iżda ma tifhmux, tħarsu iżda ma tarawx…» Għala jiġri dan? Nerġgħu ngħidu: mhux ħtija taż-Żerriegħ jew taż-żerriegħa, iżda – kif jgħid il-profeta – «għax qalb dan il-poplu ma baqgħetx tħoss.»