Il-15 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-15 Ħadd matul is-sena Ċ
M’HEMMX GĦEDEWWA IŻDA AĦWA

Sikwit fil-Vanġelu jinqala’ xi ħadd bi ħsieb ħajjen li jkun irid iġarrab lil Ġesù. Did-darba mar fuqu għaref fil-liġi, li kien diġà jaf it-tweġiba għall-mistoqsija li għamel lil Ġesù. Tant hu hekk li l-Imgħallem qallu: “Agħmel hekk u tgħix.” Dan ifisser li l-kmandament tal-imħabba huwa l-ħajja tal-bniedem. Iżda dak ma kienx kuntent u biex jissokta jonsbu staqsieh min hu l-proxxmu. U Ġesù ħareġ bil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, li bħal dik tal-Iben il-Ħali, naħseb li kulħadd jafha, għax tolqot fil-laħam il-ħaj. Għaddew qrib ir-raġel mitluq għal mejjet f’nofs id-deżert ta’ Ġuda qassis u levita. Il-leviti kienu dawk li jgħinu lill-qassisin fil-liturġija tat-tempju (qishom id-djakni tagħna). Dawn kif raw lil dak l-imsejken għaddew minn mal-ġenb... ma jmorrux imissuh imqar bil-libsa, u baqgħu sejrin. Għala għamlu hekk? Għax kieku missewh kienu jitniġġsu bid-demm tiegħu u ma jkunux jistgħu jaqdu fil-liturġija. Jiġifieri dawn għażlu ċ-ċerimonjal tal-liturġija u ħallew bniedem midrub imut waħdu! Is-Samaritan ma għamilx hekk. Imma l-ħaġa li tolqotna hi li s-Samaritan kien meqjus għadu. Kien xi ħadd li kien imur iqim ’l Alla f’tempju ieħor mhux f’dak ta’ Ġerusalemm. B’danakollu dan l-“għadu” mexa fuq il-kmandament tal-imħabba u ħarsu b’mod konkret, għax l-“għadu” huwa xbieha ta’ Alla u għaldaqstant hu ħabib, wieħed mill-aħwa. Isimgħu leħen il-Mulej jgħidilna: “Mur, u agħmel hekk int ukoll.”
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content