Il-15 Ħadd matul is-sena Ċ
INT TA' MIN TRID TKUN PROXXMU?
Liema hu l-ewwel fost is-613 kmandament? F’moħħ ħafna l-għaxar kelmiet li Alla ta lil Mosè fuq l-għolja fid-deżert kienu tneffħu wisq. Mistoqsija sempliċi, ħtieġa reali: l-għarfien tal-għażla bejn iċ-ċentru u l-periferija, l-essenzjal u r-relattiv.
Ħafna mir-rabbini ta’ żmien Ġesù kienu jżommu li jeħtieġ tħobb lill-fqir, l-iltim u l-armla, l-għeżież ta’ Alla. Jew li jeħtieġ tħobb lil kulħadd. Iżda biss lil dawk kollha li jiffurmaw il-poplu ta’ Israel. Ir-rakkont tal-parabbola tas-Samaritan ħawwad lil kulħadd. Raġel qabżu fuqu l-ħallelin u ħallewh midrub, l-uniku wieħed li ħa ħsiebu kien barrani, wieħed mhux tal-komunità, wieħed li ma baqax għaddej. Tnejn oħra kienu niżlin mill-belt, it-tnejn midħla tat-Tempju, wieħed qassis u l-ieħor animatur tal-liturġija. Baqgħu għaddejjin dritt u sewwa għamlu. Fejn jafu min hu dak il-flien u xi ġralu? U jekk din kienet xi tpattija bejn il-klikek? Ma jmurx ikollu l-AIDS! U jekk jerġgħu jiġu l-ħallelin? Għandhom ’l Alla f’qalbhom, fuq xofftejhom, jitkellmu bis-sens. Ġesù ma jlumhomx, lanqas ma jikkundannahom: huma wlied żmienhom. U tat-Tempju tagħhom. Dak li għadda warajhom kien Samaritan. Kien għaddej minn hemm b’kumbinazzjoni. Ma kienx qed ifittex lil min jgħin, hija l-ħajja li dawn l-okkażjonijiet il-ħin kollu ġġibhomlna ma’ saqajna. Is-Samaritan ra bniedem, mhux għadu, mhux xi ħadd tan-naħa l-oħra. Bniedem fil-ħtieġa. U dik tiegħu kienet qabel xejn ħtieġa ta’ kumpassjoni. Ta’ tbatija flimkien. Ta’ qsim. U Ġesù jikkonkludi: int ta’ min trid tkun proxxmu? Lejn min trid toqrob?