Il-11-il Ħadd matul is-sena B
ID-DAWL U S-SEWWA
Il-loġika tal-aħbar, l-aktar nett tal-aħbar li tiġbed, hija din: aktar ma tkun ħażina, wisq aħjar. L-aħbar negattiva toħloq il-paniku l-allarmiżmu u tixtered. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ daż-żmien, imbagħad, isiru art tajba għat-tixrid ta’ dawn l-aħbarijiet. U hekk il-bniedem ta’ żmienna jgħix fid-dwejjaq bit-tixrid tal-ħażen. Il-ħażen iwerwirna, it-tixrid tiegħu, l-effetti u t-trawmi tiegħu. Irridu niftakru, iżda, li l-ħażen u d-dnub joktru, it-tajjeb u l-grazzja joktru fuq li joktru (ara Rum 5: 20). Mhux għax nemmnu li l-aħħar kelma sa tkun tat-Tajjeb, iżda għax l-ewwel kelma kienet “dawl”, u l-ewwel ritornell kien “sewwa”! It-tajjeb jittieħed, basta tħallih jitlaqqam u jaħdem flimkien mas-setgħa tiegħu li jixtered. It-tajjeb hu ħali, basta tintelaq fil-loġika tiegħu ta’ don. San Ġwann tas-Salib, anki jekk għadda minn ħafna persekuzzjonijiet sal-ħabs u t-tortura minħabba l-fidi tiegħu mill-għeruq, kien jemmen fil-fatt li t-tajjeb suprem li hu l-imħabba jittieħed. Hu kiteb: «Fejn m’hemmx imħabba, iżra’ l-imħabba u taħsad l-imħabba.»