It-tifkira tal-Ġisem u d-Demm tal-Kristu Ċ
IKEL GĦAL KULL MIN JEMMEN
Huwa wieħed mir-rakkonti tal-mirakli tat-tkattir tal-ħobż li l-Mulej għamlu bosta drabi. Kif inhu mqassam ir-rakkont ifakkarna fil-liturġija tal-quddiesa li fiha jsir il-miraklu tat-transustanzazzjoni, jiġifieri l-bidla sustanzjali tal-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Ġesù l-ewwel ikellem lill-folol fuq is-Saltna ta’ Alla. Hija l-Kelma ta’ Alla li tixxandar, tidħol f’qalb in-nies u tfejjaqhom. Għalhekk l-Evanġelista fis-silta jorbot ix-xandir mal-fejqan. Imbagħad jinħass il-ġuħ għal aktar intimità mal-Kelma li xtaquha ssir ikel biex jimtlew biha. Importanti ħafna l-kelma li Ġesù qal lit-Tnax: “Agħtuhom intom x’jieklu.” L-Ewkaristija hija marbuta mas-saċerdozju, għalhekk Ġesù ż-żewġ sagramenti waqqafhom flimkien fl-Aħħar Ċena. Il-bniedem irid jagħti sehmu, it-tkattir jagħmlu Alla. Dan il-ħobż imkattar li tema’ ħamest elef raġel imqassmin ħamsin ħamsin nistħajlu l-Knisja mqassma fi djoċesijiet u parroċċi, li titma’ l-Kelma u l-Ġisem ta’ Kristu lil kull min għandu l-ġuħ tagħhom. U dak l-ikel li bih irridu ngħixu l-ħajja spiritwali ma jintemm qatt sa ma jibqa’ jkollna saċerdoti li permezz tagħhom il-Mulej jitmagħna.