Il-Ġisem u d-Demm ta' Kristu Ċ
ĠESÙ JINGĦATA
L-Ispirtu jdawwalna biex insiru dixxipli li jħabbru, biex nifhmu min tabilħaqq hu Alla, biex nifhmu min hi l-Knisja. Illum niċċelebraw il-festa solenni tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej: inqiegħdu l-Ewkaristija fiċ-ċentru tar-riflessjoni.
Ġesù, fl-aktar waqt iebes ta’ ħajtu, fil-waqt tal-abbandun, meta ħadd ma kien qed jifhmu, jagħmel ġest definittiv: jingħata, ma joffrix ħobż u nbid bħal Melkisedek, iżda ħajtu stess fuq l-altar tas-salib. Mhux il-ħobż isir Kristu, imma Kristu jsir ħobż, biex jittiekel, biex imantni, biex juri triq ġdida, loġika ġdida, dik tal-għotja sħiħa tiegħu nnifsu. L-Ikla tal-Għid li hu jiċċelebra mal-Appostli turina sa fejn jaslu s-solitudni u l-imħabba ta’ Alla. Dak il-ġest ta’ mħabba assoluta hu ċċelebrat u mtenni kull darba li komunità ta’ fidili tinġabar flimkien ma’ qassis. Iżda dan ma jistax ikun ġest iżolat u newtru. Jew l-Ewkaristija tidħol f’ħajjitna, timlieha, issawwarha, tagħġinha, jew tibqa’ bla frott, mejta, bla siwi. Il-Quddiesa tibda sewwasew minn dak il-ħin li noħorġu mill-bieb tal-knisja. U tibqa’ għaddejja ġimgħa sħiħa. Dak il-ħobż li nieklu jgħinna ntaffu l-ġuħ tal-ġemgħa, nintebħu bil-ġuħ mhux maqtugħ ta’ min niltaqgħu miegħu tul il-ġimgħa u nagħtu dak il-ftit li aħna biex nitimgħu lil kull bniedem fil-ġisem u fir-ruħ.