Id-29 Ħadd matul is-sena B
NIFHMU XI JRID ĠESÙ
Il-Ħadd li għadda smajna lil Pietru jgħid lil Ġesù: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.” San Mark jieqaf hemm, imma San Mattew iżid: “Issa x’sa jmissna?” Illum għandna lil Ġakbu u lil Ġwanni, bil-wiċċ sfiq kollu, jitolbu lil Ġesù: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” Dan ifisser li l-Appostli, dawk li kienu l-eqreb nies lejn Ġesù, damu biex jifhmu sewwasew x’ried minnhom Ġesù. Sa nhar Għid il-Ħamsin huma baqgħu jħarsu lejh bħala mexxej qawwi, kif tħares lejh id-dinja, li dalwaqt kien sa jwaqqaf is-saltna messjanika, li fiha huma kienu sa jkunu l-ministri tiegħu u flimkien miegħu jgawdu l-glorja u s-setgħa. Iżda Ġesù x’qalilhom? “Il-kalċi li sa nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha sa nitgħammed jien...” Huwa l-kalċi tal-morr li fil-Ġnien taż-Żebbuġ Ġesù talab lill-Missier ibiegħdu minnu, għad li minnufih aċċettah; u l-magħmudija hija l-magħmudija tad-demm li biha Ġesù tgħammed fuq is-salib. Kienet profezija, għaliex l-Appostli kollha spiċċaw bħalu. Biex inkunu dixxipli veri ta’ Ġesù rridu ndaħħluha f’moħħna li “hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” Jekk jingħad dan għall-Imgħallem, kemm aktar jingħad u jiswa għad-dixxipli!