Id-29 Ħadd matul is-sena B
ĠESÙ U L-KOBOR VERU
Hu qalilhom: «Xi triduni nagħmlilkom?» U huma weġbuh: «Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.» It-talba tad-dixxipli ġġagħalni naħseb f’talba li wieħed minn uliedi, meta kien iżgħar, kultant kien jagħmilli: «Papà, tellagħni fuq spallejk, għax hekk inkun ogħla minn kulħadd.» Hija viżjoni bla ħażen u hawn irridu nifhmu li Ġesù mhuwiex kontra l-kobor. Aħna twelidna biex nikbru, anzi, nikbru ħafna! Aħna twelidna biex nilħqu l-għaqda ma’ Alla, u biex ngħiduha mal-Missirijiet Griegi, biex «insiru allat»! Mela x’hemm ħażin fit-talba taż-żewġ dixxipli? Dak li jistona hu dan: is-superjorità li xxennqu għaliha ż-żewġ aħwa hija dik iċ-ċirasa fuq il-kejk. Ġesù iżda jridna nixxennqu għall-kobor veru. Min joqgħod fuq kulħadd hu bla siwi, min jaqdi hu fundamentali. Min irid il-kobor veru għandu jeħel ma’ Alla, u Alla, fil-ġisem ta’ Kristu, sar il-qaddej ta’ kulħadd, sar il-ġebla tax-xewka tagħna, sar l-għerq qaddis tagħna.