Id-29 Ħadd matul is-sena B
IL-WEDGĦA TA' ĠESÙ
Ġesù jara li fost id-dixxipli tiegħu kien qed iqum konflitt għas-setgħa u jindaħal bl-istil tiegħu tas-soltu mimli bl-imħabba, bis-sabar – stil li jgħallem. Is-setgħa tidher li tinsab fiċ-ċentru ta’ din il-polemika u għalhekk Ġesù jingħaqad mad-dixxipli tiegħu biex iwassalhom biex iħarsu lejn is-setgħa b’mod ieħor: «Min irid isir kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.» Il-proposta ta’ Ġesù ma tidhirx li tħalli barra l-kobor, iżda tqiegħed mod ieħor kif wieħed jgħixha. Is-setgħa infatti tista’ tkun mod kif taqdi lill-bniedem, biex teħilsu u tressqu ’l quddiem. Ġesù jwiegħed kobor, għax jimxu warajh irid irġiel u nisa ħielsa, li jsiru kbar bil-ħsieb li jieħdu ta’ xulxin. Ġesù infatti jippreżenta Alla li hu qaddej u mhux sid li jnissel il-biża’. Alla huwa mħabba u mħabbtu hi għal kulħadd; għalhekk ma jbeżżax, iżda joħloq u jkattar rabta ta’ mħabba. Il-bniedem ma jimxix waħdu, iżda dejjem f’rabta mal-oħrajn u biss fil-qadi jikber fil-milja tal-ħelsien. Il-qadi li jsemmi Ġesù hu għalhekk għajnuna għall-oħrajn u ftuħ tabilħaqq għas-setgħat tagħhom, bħalma tagħmel omm. U m’hemm xejn isbaħ milli wieħed imexxi ’l quddiem l-ħajja tal-oħrajn bl-imħabba ta’ omm.