Id-29 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Id-29 Ħadd matul is-sena A
NISRANI TAJJEB HU ĊITTADIN TAJJEB

Did-darba nsibu lil Ġesù jeħles lilu nnifsu minn nasba li riedu jdaħħluh fiha l-għedewwa tiegħu. Ninnutaw li n-nasba għamluhielu żewġ gruppi li kienu għedewwa ta’ xulxin: il-Fariżej, li kienu ħarriesa u mgħallmin tal-Liġi, u l-Erodjani, li kienu l-partitarji tas-sultan Erodi. Dawn ma kinux jinħamlu bejniethom għax filwaqt li l-Fariżej kienu ta’ fidi safja u jħobbu lil pajjiżhom, l-Erodjani kienu kollaboraturi ta’ Ruma, għax ir-Rumani kienu ħallew lil Erodi jsaltan, għalkemm għamlu minnu sultan-pupazz. Dakinhar dawn ftiehmu li jonsbu lil Ġesù biex jaqbduh f’xi kelma u jixluh. Hi ħaġa tajba li Lhudi jħallas it-taxxa lil Ċesri (l-imperatur Ruman)? Il-Fariżej kienu jgħidu le, għax b’hekk wieħed ikun qed ifixkel il-miġja tal-Messija li fil-fehma tagħhom kellu  jeħles lil Israel mill-ħakma tal-barrani. L-Erodjani, bil-kontra, kienu jgħidu iva, għax dak kien l-imperatur li ħallielhom is-sultan li huma tant kienu jħobbu. Bit-tweġiba tiegħu Ġesù wriehom li ma jżomm ma’ ħadd minnhom. Biha Ġesù wera lilna kif għandha tkun l-imġiba tan-Nisrani quddiem is-setgħa ċivili. Kull setgħa ġejja minn Alla. Hemm xi ħaġa ta’ Ċesri li qabel mhijiex ta’ Alla wkoll? Għalhekk meta n-Nisrani jħares il-liġijiet ċivili u jkun ċittadin tajjeb – anki jekk min imexxi ma jkunx jogħġbu jew ma jkunx ġust – dan ikun qed iqim u jobdi lil Alla nnifsu.


ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content