Id-29 Ħadd matul is-sena - Sena A
IL-FEHMIET DIFFERENTI F'ĦAJJITNA
Ċesari jew Alla? Kemm-il darba dil-frażi ta’ Ġesù ntużat biex tiġġustifika l-aktar fehmiet differenti! Iżda x’ried jgħid tabilħaqq Ġesù?
Ġesù jitlobhom jagħtuh munita. Il-Fariżej, bla ħsieb ta’ xejn, daħħlu jdejhom taħt it-tonka jfittxu u tawhielu. Is-safjin f’buthom iżommu munita bix-xbieha ta’ Tiberju Ċesari. Fil-kustjonijiet ta’ prinċipju jtiru fil-għoli u jilagħbuha tal-perfetti. Fil-ħajja ta’ kuljum, bħal kulħadd, iċedu quddiem elf kompromess. Iżda ma jammettux. Waqgħu fin-nasba, iżda Ġesù ma jisħonx u jissokta jilgħabhom. Jekk ix-xbieha hi ta’ Tiberju jeħtieġ li tinraddlu l-munita, m’hemmx x’tagħmel. U jintradd lil Alla dak li hu ta’ Alla. Mela d-dixxiplu huwa ċittadin eżemplari. Tgħix mal-oħrajn, taqsam magħhom il-proġetti u t-taħbit tagħhom, ifisser tobdi l-liġijiet tal-bnedmin. B’danakollu qalbu hija differenti, tinsab band’oħra, jara l-affarijiet fuq livell ieħor, fi profondità oħra. Mela hemm ħwejjeġ li jmissu lil Ċesari li fihom ma għandniex inżeffnu lil Alla anki jekk Kristu, quddiem il-prokuratur Ruman li kkundannah, fakkru li kull setgħa umana ġejja minn Alla għall-qadi tal-ġid komuni. Mela hemm xi ħaġa tagħna li hi ta’ Alla u rridu rrodduhielu. Ġesù, b’mod tal-għaġeb, jibqa’ sod fit-tiġrib, li minnu tgħaddi l-Knisja, dak bejn id-diżinteress fid-dinja u li tagħmilha kolonja tagħha.