Id-29 Ħadd matul is-sena - Sena A
IL-KORRETTEZZA U R-RISPONSABBILTÀ
«Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.» Dan il-kliem ta’ Ġesù għandu żewġ tifsiriet, li għad li huma differenti, mhumiex kontra xulxin. L-ewwel waħda hi sens ta’ distakk tal-Mulej minn kustjonijiet purament ekonomiċi. Dan narawh fost l-oħrajn anki fl-episodju li fih raġel gerger ma’ Ġesù fuq ħuh minħabba l-wirt. Ġesù żamm id-distanzi minn dan it-tilwim li ma jmiss id-dmirijiet tiegħu u jagħtina tagħlima kbira li għandna nibqgħu fil-limiti tagħna u mhux nitkellmu u nuru fehmitna fejn ma jesgħaniex (dan hu vizzju mxerred ħafna fi żmienna fejn insibu opinjonisti fuq il-mezzi soċjali li jitkellmu fuq kollox u jriduha ta’ esperti f’kull suġġett). It-tifsira l-oħra hi dik ta’ ġustizzja, jew li tagħti lil kull wieħed dak li hu tiegħu. F’dal-kuntest, Ġesù juri li l-fatt li nkunu reliġjużi ma jagħtiniex il-privileġġ tal-eċċezzjoni fl-oqsma tal-ħajja ta’ kuljum, iżda aktarx jorbotna li nkunu eċċezzjonali fil-korrettezza u fir-responsabbiltà anki f’din id-dinja. Il-fidi tbiddel kollox, anki l-aktar ixfqa ordinarji tal-ħajja.