Id-19-il Ħadd matul is-sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Id-19-il Ħadd matul is-sena B

ĠESÙ HU L-ĦOBŻ ĦAJ LI NIŻEL MIS-SEMA

F’dawn l-aħħar tlitt Iħdud il-liturġija qegħditilna quddiemna reflessjonijiet fuq l-Ewkaristija li biha rridu ngħixu biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem. Bdejna bil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut, imbagħad smajna lil Ġesù jgħidilna li min imur għandu ma jeħduh qatt il-ġuħ u l-għatx. Illum Ġesù jgħidilna: “Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema.” Uħud mil-Lhud ta’ żmien Ġesù dan il-kliem ma niżżluhx. It-tweġiba ta’ Ġesù għal dan in-nuqqas ta’ fidi fih hi: “Min jisma’ mill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.” Hekk hu: min ma jilqax lil Ġesù u jemmen li hu l-Iben ta’ Alla li sar bniedem biex isalvana, ma jkunx qiegħed jemmen f’Alla l-Missier u jagħmel ir-rieda tiegħu. Ġesù hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema, għax min jilqgħu u jsir ħaġa waħda miegħu billi jiekol Ġismu u jixrob Demmu fl-Ewkarisija jingħaqad mal-Missier u jgħix b’kull kelma li toħroġ minn fommu. Minn Ġesù fl-Ewkaristija nitgħallmu ngħixu bir-rieda tal-Missier.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content