Id-19-il Ħadd matul is-sena B
L-EWKARISTIJA HIJA L-IMĦABBA TA' ALLA GĦALINA
Fis-siltiet ta’ dan il-Ħadd jissemmew tliet «ħobżiet». Il-manna ta’ Mosè, il-ftira ta’ Elija u l-ħobż li hu Ġesù. L-għotja tal-ħobż tfisser kura. Il-manna tfisser li l-kura li jagħti Alla u l-fedeltà tiegħu lejn il-wegħda huma għal dejjem. Il-ftira, ħobż imħejji u msajjar, naraw fih l-attenzjoni tal-kura ta’ Alla. It-tnejn huma simbolu qawwi tal-providenza ta’ Alla li hu Missier u Omm. Issa Ġesù, il-ħobż mogħti, juri l-abbundanza kbira tal-kura ta’ Alla. Il-Missier mhux biss jagħti, iżda jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu fl-Iben. Jekk il-ħobż l-ieħor kollu hu importanti – u l-prova tinsab fil-fatt li Alla jagħtih lill-magħżulin tiegħu – dan hu l-ħobż li aħna msejħin nerfgħu qlubna lejh. Il-ħobż l-ieħor huwa mezz; il-ftajjar ingħataw lil Elija biex isostnuh fil-mixi. Il-ħobż li hu Ġesù hu l-għan aħħari. Meta ningħaqdu miegħu fil-ħobż Ewkaristiku nkunu qed nisimgħu u nilqgħu l-imħabba tal-Missier: «Kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi… Min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.»