Id-19-il Ħadd matul is-sena B
L-IKEL HU KOMUNJONI TA' MĦABBA
«Il-Lhud bdew igergru.» Igergru, ilabalbu fil-vojt, igemgmu. Il-kelma tgergir ħafna drabi turi wkoll reċtar ta’ talb bi drawwa, atteġġament li jsir drawwa kerha: taħdit fuq ħwejjeġ li forsi lanqas biss inkunu nafuhom sew. Iżda Alla ma jagħmilx wirjiet. «Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja,» jgħid Ġesù. Imbagħad nifhmu li Nisrani ssir permezz ta’ ġibda, bħal meta tittieħed – li ma għandha x’taqsam xejn mat-tgergir fil-vojt – li ġġegħelna nċedu quddiem it-tħajjir għall-ġid. Aħna sirna Nsara b’ġibda! X’inhu jiġbidna? Alla li jinżel mis-sema, jinżel lejna, imissna issa, f’dan il-waqt, il-ħin kollu. Alla tajjeb, magħmul bniedem, umli bħall-ħobż li jmantlilna ħajjitna. «Min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem,» jgħid Ġesù. Il-verb «kiel» juri s-sempliċità tan-nutriment ta’ kuljum. L-ikel huwa fundamentali: hu marbut mal-ħajja jew il-mewt, iħaddan l-għajxien. U «li tiekol lil Alla» hu għajxien permezz ta’ komunjoni ta’ mħabba, li sikwit ittenni: «Mingħajrek ma ngħixx, int tagħtini l-ħajja!»