Id-19 Ħadd matul is-sena A
Is-silta tibda billi turina lil Ġesù jwarrab għalih waħdu biex jitlob. Ħajtu kienet dejjem marbuta mar-rieda tal-Missier, u din ir-rabta sseħħ, l-ewwel u qabel xejn, bit-talb. Mill-ewwel nifhmu li s-silta hija mimlija bis-simboliżmu. Id-dgħajsa hija l-Knisja, jew aħjar il-ġemgħa tad-dixxipli, li mingħajr Ġesù jimxu fid-dlam u fil-biża’. Twerwru meta rawh miexi fuq il-baħar: “Dan xi fantażma!” Iżda hu malajr iqawwi l-qalb ta’ dawk li jemmnu fih: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!” Jekk Alla huwa magħna min jista’ jqum kontra tagħna? Naraw ukoll is-sehem ewlieni ta’ Pietru, li fil-Vanġelu dejjem jidher bħala l-ewwel wieħed fost l-Appostli u jitkellem f’isimhom. Pietru xtaq jagħmel bħal Ġesù u sakemm kellu fidi u tama fih irnexxielu, iżda kif dawn naqsu, minħabba l-biża’ u d-dubju, beda jegħreq. Biex nagħmlu l-għeġubijiet bħal Ġesù jeħtieġ ikollna l-fidi u t-tama fih li jmexxi kollox. Mingħajru negħrqu. “Salvani, Mulej,” u malajr Ġesù medd idu u qabdu. Meta nkunu qed negħrqu jekk ma nagħmlux bħal Pietru sal-qiegħ nibqgħu neżlin. Kif Ġesù tela’ fuq id-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Il-paċi tiġi biss mingħand Ġesù, għax tassew, huwa Bin Alla.