Id-19 Ħadd matul is-sena - Sena A
IS-SAĦĦA TAT-TWEMMIN
Meta taħseb li tkun fhimt kollox, meta taħseb li qbadt it-triq il-ġdida tal-fidi, dak il-ħin tħoss in-nuqqas ta’ Alla. Il-Mulej hemm ikun, ma għandniex xi ngħidu, iżda jkun jinħass ’il bogħod, donnu ma jkunx qed jagħti kasna. Għalhekk kollox jibda jinħass tqil, iweġġa’, bla siwi.
L-episodju tal-Vanġelu, aktar teoloġiku milli storiku, jgħid li d-dgħajsa kienet imħabbta bl-imwieġ. Bil-Grieg l-Evanġelista jinqeda b’verb li letteralment juri tqiegħed ’il xi ħadd fit-tiġrib u jsemmi ħaġra iebsa ħafna użata f’Lidja biex iġġarrab il-kwalità ta’ xi metall. It-tiġrib ibeżżagħna, iżda jgħinna nifhmu kemm hu b’saħħtu twemminna. Sewwasew meta l-mewġ jogħla fuqna, meta jibda jidhrilna li ħriġna tellifin, tiġri xi ħaġa. Ġesù jimxi fuq l-ilma mqanqal u jtennilna: «Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.» Israel dejjem kien poplu tal-art: il-baħar imqalleb huwa għal-Lhudi l-aktar ħaġa tal-biża’ li tista’ tiġri. Ġesù jiġi miexi fuq l-ilma, rebbieħ sewwasew fuq l-aktar beżgħat terribbli li nistgħu naħsbu fihom, dawk li ma jħalluniex nifirħu, li jaqtgħulna nifisna. Il-mard, il-mewt ta’ xi ħadd li nħobbu, it-telqien, is-solitudni. Pietru jipprova, anki hu jrid jimxi fuq l-ilma, fuq id-diffikultajiet: jafda, iħarrek l-ewwel passi u mbagħad jibda jħossu qed jegħreq fl-għadira mqallba. Il-kuraġġ mhux biżżejjed biex wieħed jimxi fuq l-ilmijiet tad-dubju, Pietru kien għadu jrid jaqsam id-deżert biex jikber.