Il-Ġisem u d-Demm ta' Kirstu sena B
IL-VALUR TAS-SALVAZZJONI TAGĦNA
Il-Mulej iħejji bir-reqqa l-ikla tal-Għid u jagħti sehem lid-dixxipli minn din it-tħejjija, jagħtihom sehem attiv. Illum aħna wkoll issejjaħna biex ngħixu l-ġmiel tat-tħejjija, bħala sinjal ta’ mħabba u biex ingawdu minn qabel il-ferħ li hemm jistenniena. Fil-kitbiet ta’ San Tumas D’Aquino naqraw: «Dak kollu li għamel, tah valur għas-salvazzjoni tagħna. Offra ġismu lil Alla l-Missier bħala vittima fuq l-altar tas-salib għall-maħfra tagħna. Xerred demmu u tah bħala prezz u bħala ħasil, biex aħna, mifdijin mill-jasar li jbaxxina, nissaffew mid-dnubiet kollha.» Fl-aħħar ikla twaqqfet l-Ewkaristija, għajn u quċċata ta’ ħajjet il-Knisja, ta’ ħajjitna nfisha, għaqda ta’ mħabba li tnibbet u tkabbar il-ħajja fl-art u tħejjiha għat-tgawdija ta’ dak li għad tkun fl-għaqda ta’ dejjem mat-Trinità. L-ewwel ħaġa li rridu nħejju għal dil-festa hija l-qalb, li bħal sala kbira titħejja biex tilqa’ ’l Sid il-ħajja u l-aħwa. B’dan l-għarfien nistgħu nħejju l-Ewkaristija anki għat-toroq tad-dinja, bis-sinjal tal-imħabba li jħaddan lil kulħadd għall-ikla tal-Mulej.