Gisem u Demm A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Tifkira Solenni tal-Ġisem u d-Demm ta' Kristu - Sena A

Kull darba li nieklu u nixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu... aħna ninbidlu fih!

Kristu, fil-lejl qaddis tal-aħħar ikla ntrabat bis-sħiħ mal-komunità tiegħu, mal-Knisja tiegħu u magħna, billi ta lill-Appostli u mbagħad lill-presbiteri kollha li ġew warajhom, is-setgħa li jikkonsagraw il-ħobż u l-inbid, u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu jsiru l-Ġisem qaddis u d-Demm għażiż tiegħu. Dan għamlu biex il-Knisja ma tgħixx biss bit-tifkira tiegħu, imma fuq kollox bil-preżenza vera u reali tiegħu.
 
Kristu jgħix fil-Knisja u f’kull komunità li tinġabar u tiċċelebra f’ismu. Aħna nemmnu li din hija l-qawwa tagħna, għaliex hu l-Ħobż Ħaj nieżel mis-sema li jagħti ħajja dejjiema lil kull min jiekol minnu. Hu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, li kull min jiekol u jixrob minnhom jinbidel fih.

San Pawl, jara f’dan il-misteru l-għeruq tal-għaqda Nisranija; l-għaqda li għandha tkun hemm bejn l-aħwa li jemmnu f’Ġesù Kristu. Jisħaq li ladarba aħna nieħdu sehem minn Kalċi wieħed u Ħobża waħda, aħna wkoll, għalkemm qegħdin ħafna, aħna ġisem wieħed. Forsi din ir-realtà hija ftit diffiċli biex wieħed jifhimha u wisq aktar diffiċli li wieħed jgħix biha, iżda hija ħafna importani biex kull min jemmen, ikun jista’ jgħix bil-qawwa ta’ dan is-sagrament, mhux waħdu imma fil-komunità. L-għaqda u l-imħabba bejn l-aħwa huma l-qofol tal-ħajja Nisranija, u dan hu wkoll kmand ta’ Sidna Ġesù, biex inħobbu lil xulxin kif ħabbna hu, għaliex f’din l-imħabba naraw l-imħabba ta’ Alla għalina. F’din l-imħabba u l-għaqda d-dinja wkoll għandha tara l-imħabba u tinġibed minnha biex tersaq lejn Alla l-Imbierek.

Min jgħix bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jkun qiegħed jgħix bih, u min jgħix bi Kristu jkun qiegħed jgħix ukoll bil-Missier. Dan ifisser li kull meta nieklu u nixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, inkunu qegħdin nirċievu fina l-Għejjun tal-Ħajja u l-Ħallieq tal-Univers. Misteru kbir ieħor tal-fidi tagħna, li fih naraw mhux biss il-kobor ta’ Alla l-imbierek, imma wkoll l-umiltà tiegħu, li għażel li jkun ikel tassew bnin għalina. Minn hawnhekk għandna nifhmu u napprezzaw il-kobor tal-fidi tagħna u fl-istess ħin nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan id-don tant kbir li għoġbu jagħtina biex f’kulma nagħmlu niftakru fih.




ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content